Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Progress b’Responsabbiltà… Riforma fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun

Kitba: Bryony Bartolo – Segretarja Ġenerali FŻL

Nhar l-Erbgħa illi għadda l-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) tella’ l-ewwel laqgħa minn sensiela ta’ laqgħat bl-isem Progress b’Responsabbiltà. F’din l-ewwel laqgħa ġiet diskussa l-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun, b’mod speċjali l-proċess tal-IVF. Il-FŻL kien ilu jħoss il-bżonn ta’ riforma f’din il-liġi u għaldaqstant mill-bidu tas-Sajf membri fi ħdan l-ezekuttiv bdew jinformaw ruħhom aktar dwar dan is-suġġett. Iżda lkoll qbilna li sabiex ir-riforma tkun waħda li tipproteġi l-interessi tal-partijiet involuti għandha tittelgħa diskussjoni fejn professjonisti kif ukoll rappreżentanti t’organizzazjonijiet b’interess fis-settur iħabbtu l-ideat tagħhom, aktar u aktar meta dan is-suġġett spiċċa fiċ-ċentru ta’ diversi attakki, anke sforz is-sensazzjonaliżmu li xerdet il-media u ċerta organizzazjonijiet.

Kienet diskussjoni ferm interessanti li fiha pparteċipa ukoll s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Dr Chris Fearne. Xi ħaġa pożittiva ta’ dan il-Gvern hi li jisma’ liċ-ċittadini u matul dan id-dibattitu s-Segretarju Parlamentaru sema’ ukoll dak li kellhom xi jgħidu l-panel li kien jikkonsisti mill-Ġinekologu Dr Mark Sant, Fr Mark Sultana bħala rappreżentant tal-Knisja f’Malta, Naomi Cachia, Uffiċjal Politiku tal-FŻL u Claudette Abela Baldacchino, President tan-Nisa Laburisti.  Barra minn hekk kien hemm diversi organizzazjonijiet li laqgħu l-istedina tagħna u għaddew suġġerimenti tagħħhom sabiex ir-riforma tkun aħjar.

Minkejja n-nuqqas ta’ qbil fuq ċerta punti, punt li kulħadd qabel fuqu kien ir-rispett lejn il-ħajja, kemm dak tal-embrijun li potenzjalment jitwieled f’tarbija kif ukoll dak tal-koppja, b’mod speċjali l-mara, li kif jixhed l-isem tal-liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijun ftit li xejn tat importanza l-ħajja tal-koppja.

Il-problema fundamentali hi l-infertilità li ħafna drabi toħloq ħafna problemi bejn il-koppja, problemi li jiġu amplifikati aktar meta din tkun għaddejja mill-proċess tal-IVF. Għaldaqstant koppja għandha bżonn għajnuna psiko-soċjali sabiex tkun preparata għal dan il-proċess, xi ħaġa li, anke skont dak li qalu xi professjonijisti, hawn nuqqas kbir tagħha.  

Barra minn hekk, dan il-proċess huwa wieħed diffiċli fiżikament ukoll u għaldaqstant għandu jiġi ffaċilitat għal benefiċċju tal-mara. Filfatt, il-proposta tas-Segretarju Parlamentari Dr Chris Fearne l-Ġinekologu Dr Mark Sant,  li minflok jiġu ffertilizzati tnejn jew tliet embrijuni f’certi każi jkunu jistgħu jiġu ffertilizzati sa’ 5 embrijuni, għandha tnaqqas ftit it-tbatija li l-mara tgħaddi minnha. Dan għaliex, bħal fil-proċess naturali il-gametes mhux dejjem jifformaw embrijun li jwassal biex il-mara tkun għaddiet mill-proċess għalxejn. Għaldaqstant b’ 5 fertilizzazjonijiet hemm aktar ċans li jiżvillupa f’embrijun.

Iżda kif jgħid l-isem ta’ dawn is-sensiela ta’ laqgħat, il-progress għandu jsir b’responsabbiltà. Filfatt, minkejja li ha jiżdiedu l-embrijuni li jiġu ffertlizzati, saħħet il-mara xorta ħa tkun protettta billi xorta waħda jiġu impjantati żewġ jew tlett embrijuni sabiex jiġu evitati multiple pregnancies. Għaldaqstant, kif issemma’ waqt dan id-dibitatitu, l-embrijuni li ma jiġux impjantati jinżammu permezz tal-vitrification u meta l-koppja taqbez l-età stabbilita fil-liġi dawn jitpoġġew għall-addozjoni sabiex jingħata ċans lill-aktar koppji jkollhom it-tfal iżda ukoll jiġi rispettat l-embrijun.

Punt iehor li ssemma’ kien dak dwar id-donazzjoni ta’ gametes. Dan ghaliex minbarra li ha jservi ta’ għajnuna lil koppji li minħabba problemi mediċi ma jkunux jistgħu jużaw il-gametes taghhom stess, koppji nisa omosesswali ħa jkollhom aċċess għal dan il-proċess ukoll. Il-liġi prezenti tiddiskrimina ma’ dawn il-koppji għax ma toffri l-ebda mezz kif dawn ikollhom it-tfal, anzi tagħmel ċerta metodi reat kriminali. Iżda dwar dawn id-donazzjonijiet tajjeb wieħed ifassal qafas legali b’saħħtu li jirregola kif isiru d-donazzjonijiet, minn min isiru u metodu kif it-tarbija tista’ eventwalment tkun taf min hu l–ġenitur bijologiku.

Kien hemm ħafna aktar punti li tqajmu kif inhu mistenni minn suġġet daqshekk vast. Għaldaqstant, id-diskussjoni għandha tkompli f’aktar dettal u jiġu nvoluti koppji li għaddew minn dan il-proċess sabiex ikollhom sehem huma ukoll f’din ir-riforma. L-importanti li dan is-suġġet ma jispiċċax ballun politiku għax f’suġġet sensittiv bħal dan ir-riforma legali, socjali, medika u etika titlob attenzjoni u responsabbiltà kbira sabiex verament twassal għal progress ħolistiku li jirrispetta l-koppja u l-partijiet l-oħra nvoluti. B’hekk dak li l-koppja tkun dejjem  xtaqet isir realtà b’inqas tbatija fiżika u psikoloġika.    

 

 

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

 

11 Oct, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Progress b’Responsabbiltà… Riforma fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun"