Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Responsabbiltà U Kredibbiltà

Kitba ta’ Naomi Cachia Uffiċjal Politiku FŻL

 

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qed jorganizza laqgħa ta’ diskussjoni fuq ir-riforma fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni. Id-deċiżjoni li norganizzaw laqgħa pubblika fuq suġġett li qajjem tant kontroversji ma kienet waħda faċli xejn. S’issa l-FŻL kien sieket fuq is-suġġett iżda ma jfissirx li internament ma konniex qed niddiskutu u ngħarblu sew dak li kien qed jintqal. Bħala Uffiċjal Politiku tal-għaqda, inħoss responsabbiltà kbira sabiex niddiskutu b’kawtela l-kwistjoni tal-IVF u l-ħafna implikazzjonijiet u aspetti differenti li jirrelataw ma din id-diskussjoni.

 

F’din l-ewwel ġimgħa lura fl-Università ta’ Malta – ġimgħa impenjattiva immens – kont preżenti għal dibattitu fejn b’dispjaċir kbir ingħatajt l-impressjoni li l-kamp Nazzjonalista jemmen li l-fergħat ta’ partit huma biss estensjoni ta’ dak l-istess partit li qed jirrappreżentaw; bħallikieku m’għandhomx il-libertà, (jew forsi l-abilità?), jiddiskutu bejniethom u jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom mingħajr l-influenza diretta tal-Partit tagħhom. Forsi dan huwa l-mod kif il-PN jixtieq irawwem lill-partitarji tiegħu, iżda nista nassigurakom li fl-FŻL ma naħsbuhiex hekk. Anzi, nemmen li din it-tip ta’ mentalità hija insult għall-intelligenza tagħna ż-żgħażagħ – aħna li niddedikaw tant ħin sabiex mhux biss inwasslu l-messaġġ tal-Partit lil żgħażagħ oħra, iżda biex, fuq kollox, bħala l-fergħa żgħażugħa li tinsab fil-qalba ta’ moviment progressiv, inrawmu ambjent fejn inkunu kapaċi nevalwaw u nikkritikaw dak li jkun qed jiġri fl-arena politika.

 

Madanakollu, kif għedt fl-introduzzjoni tiegħi, nemmen li kull ma jingħad għandu jsir b’sens ta’ responsabbilità. Nemmen bis-sħiħ fl-importanza ta’ diskussjoni nazzjonali fuq suġġetti bħal-liġi preżenti li tirregola l-IVF, biex b’hekk nitfgħu dawl fuq dawk li għandna nqisu bħala nuqqasijiet f’ din il-liġi. Iżda meta, għal darb’oħra, id-dibattitu jiżvija f’ballun politiku, jew f’opportunità sabiex il-kampijiet konservattivi jużaw tattiċi maħsuba biex ibeżżgħu, dan isir b’detriment għal kwistjoni innifsha; f’dan il-każ il-proċess u l-implikazzjonijiet tal-IVF huma tant kumplessi li għandhom jiġu mifhuma mill-lenti medika, etika, soċjali u psikoloġika. Nemmen li d-dibattitu nazzjonali għadu l’bogħod ħafna minn hekk.

 

Progress b’Responsabbilità

 

B’hekk permezz tal-laqgħa li qed norganizzaw, il-FŻL jixtieq li jagħti ħarsa ħolisitka lejn il-liġi preżenti u r-riformi li għad iridu jsir f’dan il-qasam. F’dawn l-aħħar sentejn u fuqhom, l-FŻL kien impenjat b’numru ta’ kampanji, elettorali u politiċi. Issa wasal iż-żmien li nitfgħu l-attenzjoni tagħna kollha fuq l-aġenda politika u b’hekk nassiguraw li jkollna parti prinċipali fit-tfassil tagħha. Għaldaqstant, il-FŻL permezz ta’ din l-ewwel laqgħa qed iniedi Kungress bit-tema Progress b’Responsabbilità fejn matulu se nkunu qed niddiskutu il-kwistjonijiet li nemmnu li għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis. Bħal ma jindika l-isem, se nkunu qed nassiguraw li d-diskussjonijiet ikunu bilanċjati – hekk biss jista’ jkollhom kredibilità. Nistidinkom tibqgħu issegwu u tappoġġjaw il-ħidma u l-isforzi tagħna ż-żgħażagħ. Ingħaqdu magħna nhar l-Erbgħa, 7 t’Ottubru fis-19:15, f’Palazzo Castelletti, ir-Rabat Malta. Għal iktar informazzjoni jew biex tikkonfermaw l-attendenza tagħkom ibgħatulna fuq il-paġna ta’ Facebook (FZL) jew ikkuntattjawni direttament fuq [email protected]

 

 

IMG_0023 (1)

Naomi Cachia

 

04 Oct, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Responsabbiltà U Kredibbiltà"