Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Revenge Porn

Elaine Degiorgio – Kordinatur Riżorsi Umani FŻL

B’dedika għal dawk li qegħdin ibagħtu fis-silenzju

Nistħajjilkom tgħidu imma dan ‘revenge porn’ x’inhu?

Ma ntikomx tort għaliex lanqas jien ma kont naf x’inhu qabel ma bdejt naghmel ftit riċerka. Dan għandu sinifikat fih innifsu għaliex ifisser li l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel mhux qed tkun effettiva biżżejjed.

Iżda ejja l-ewwel nifhmu ezattament xinhu revenge porn.

Revenge porn iseħħ meta individwu jiddeċiedi jitfa’ fuq social media ritratti jew videos espliċiti tal-ex-partner normalment akkumpnajati b’dettalji personali u deskrizzjoni umiljanti b’fini ta’ tpattija.

Forsi taħsbu ukoll li dan hu xi fenomenu modern iżda fil-verita’ meta tfittex ftit issib li żmien il-President Kennedy kien seħħ każ ta’ revenge porn. Filfatt kien Leon Isaac Kennedy li xerred online video espliċitu ta’ martu meta din telqitu. Illum -il ġurnata hawn min idawwar lira sew b’websites imtellgħin apposta biex jumiljaw il-vittmi. Dawn il-websites jinkoraġġixxu individwi biex bħala sens ta’ tpattija, itellgħu ritratti espliċiti tal-ex-partners tagħhom flimkien mad-dettalji personali u ġieli wkoll ir-ritratti jispiċċaw jintbgħatu lil-familjari, ħbieb jew anke kollegi tax-xogħol. Wieħed minn dawn kien Hunter Moore li kellu dħul ta’ għaxart elef dollaru fix-xahar bil-website IsAnyoneUp.com, li kienet tleħħaq mat-tletin miljun  user fix-xahar.

It-tixrid tal-pornografija f’pajjiżna minn dejjem kienet illegali iżda li kien qed jigri hu li l-liġi ma kienetx qed tipprovdi bażi soda fuqiex il-prosekuzzjoni setgħet tibni każ.

Filfatt, Malta bħal kull pajjiż ieħor għandha liġijiet Ċivili u Kriminali li setgħu jintużaw għall-att ta’ tixrid ta’ ritratti bla permess. Jekk nieħdu l-liġi tal-copyright per eżempju, jekk ir-ritratt ikun ittieħed mill-vittma stess, dan huwa propjeta’ tal-vittma u l-ebda persuna m’għandha dritt ixxerrdu mingħajr permess. Madankollu dan ir-ritratt irid ikun reġistrat skont ma tirrikjedi l-ligi. Għidli int liema vittma jkollha ħsieb tirreġistra ritratt li kien maħsub biss għal għajnejn il-maħbub/a?

Il-liġi Ċivili ukoll toffri bażi għall-vittma biex mhux biss il-persuna tieħu dak li ħaqqha taħt liġi Kriminali iżda wkoll tassigura ammont ta’ flus għad-danni li seta’ nħoloq minħabba t-tensjoni u l-pressjoni tas-sitwazzjoni. Irridu niftakru li każijiet bħal dawn iwasslu għal telf ta’ promotions u jobs waqt li tikkaġuna danni psikoloġiċi. Madankollu, minħabba li l-liġi Ċivili Maltija ma toffrix bażi għal danni emozzjonali iżda tipprovdi biss għal danni ekonomiċi, dan jista’ jwassal li l-vittma ma jkun imissha xejn.

Barra minn hekk, din hija meqjusa bħala cybercrime u għaldaqstant, liġijiet ta’ cyber harassment, cyber stalking u blackmailing ukoll setgħu jgħinu f’dan il-każ.

Nistħajjilkom tgħidu mela għalfejn kellna bżonn din il-liġi?

Holly Jacobs  hija waħda mill-vittmi ta’ revenge porn li sabet il-kuraġġ biex tgħolli rasha u twassal il-kuraġġ lill-vittmi oħra li tilfu l-vuċi minħabba l-attitudni bla qalb ta’ xi whud. Hi stess tgħid li kienet tgħix tliet ħajjiet; il-professjonista li kienet tibża’ tgħid kunjomha minħabba s-sitwazzjoni li sabet ruħha fiha, il-vittma ta’ revenge porn li tittama li xi darba tieħu ġustizzja u ‘Sarah’ , il-personaġġ fittizju li ħolqot Jacobs innifisha biex tkun ta’ spalla għal vittmi ohra u front favur kriminaliżazzjoni ta’ revenge porn.

Hija speċifikamemt din ir-raġuni għalfejn hemm bżonn ta’ liġi kontra dan l-att kriminali.

Filfatt, każijiet anke barra minn xtutna juru li minħabba l-livell għoli ta’ provi mitluba f’kawża kriminali, ħafna każijiet jintilfu minħabba li l-qorti ma tkunx sodisfatta li l-akkużat verament wettaq l-att. B’liġi bħal din, il-prosekutur ikollu bażi iktar soda u kif jiġu sodisfatti l-kriterji legali l-akkużat jinstab ħati.

Fit-tnax ta’ Lulju 2016, f’Malta daħlu emendi legali li għamlu lil pajjiżna wieħed minn ftit pajjiżi li qegħdin jiġġieldu r-revenge porn. Fil-liġi kriminali Maltija, biex persuna tinstab ħatja irid jiġi ppruvat bl-ebda dubju li l-persuna mhux biss wettqet l-att izda li kellha l-kapaċita’ li tifhem dak li qed tagħmel. Artiklu 208E tal-kodiċi kriminali madankollu jipprovdi li l-persuna kellha wkoll il-ħsieb li tikkawża stress emozzjonali fuq il-vittma. Hawnhekk fl-opinjoni tiegħi fejn irridu noqgħodu attenti. Dan għaliex din ir-restrizzjoni tista’ taqta’ barra persuni li l-intenzjoni mhux tkunx waħda emozzjonali jew vindikattiva iżda għal gwadan finanzjarju għaliex sfortunatament insibu nies li jagħmlu kemmxa flus mhux ħażin bil-publikazzjoni ta’ ritratti u filmati espliċiti b’mod partikolari meta l-vittma tkun ċelebrita’. Irridu niftakru li l-att innifsu jikkaġuna stress żejjed fuq il-vittma irrelevanti mil-ħsieb tal-agressur.

Il-liġi tar-revenge porn hija biss l-ewwel pass u naħseb li wasal iż-żmien għal diskussjoni fuq l-hekk imsejjaħ right to be forgotten. Fl-2015, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea qrat sentenza rivoluzzjonarja li tat xaqq ta’ dawl lill-vittmi ta’ revenge porn. Fil-każ kontra Google il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ordnat lis-search engine biex tneħħi b’mod assolut kull traċċa ta’ ritratti li ġew imtellgħin illegalment. B’dan il-mod il-vittma tista tieħu nifs u tiżgura li r-ritratti u dettalji personali jiġu mneħħija darba għal dejjem.

Minnbarra bażi legali nemmen li l-edukazzjoni sesswali b’saħħitha għandna bżonn nagħtuha spinta ferm ikbar. Irridu ngħallmu lil uliedna l-ugwaljanza u r-rispett lejn xulxin. Irridu ngħallmuhom jaħsbu fit-tul u jaraw il-konsegwenzi li l-azzjoni tal-lum jista’ jkollha fil-futur.  

Nagħlaq bil-kliem ta’ Jonathon Penney: L-internet ma jinsa qatt, jista jżommlok l-isbaħ memorja ta’ ħajtek b’sempliċiment għafsa ta’ buttuna u terġa tgħix l-isbaħ mumenti. Madankollu jista’ jkun arma f’idejn dak li jrid ifakkrek fl-iktar mumenti koroh.

Elaine Degiorgio

Elaine Degiorgio

24 Jul, 16

 

 

latest comments

There are 1 comment. on "Revenge Porn"

 

  • Malti

    Liġi kontra r-revenge porn, u Cyrus Engerer jingħata l-magħmudija bħala Suldat tal-Azzar