Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Sajf 2015; Aktar impenn

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Uffiċjal Kommunikazzjoni FŻL

 

Minkejja li matul dawn il-jiem ħafna jibdew bil-vaganzi tas-sajf, il-ħidma fl-uffiċini tal-Forum Żgħażagħ Laburisti tkompli. Kif stajtu tinnutaw, minn wara l-elezzjoni ġenerali ‘l hawn, il-ħidma ma waqfitx hekk kif dħalna għal diversi sfidi u impenji li rnexxielna negħlbu flimkien, kemm bhala Eżekuttiv Ċentrali tal-FŻL kif ukoll flimkien mal-membri ħabrieka tagħna li, wara kollox, kieku ma jkunx għall-impenn tagħhom ħafna mix-xogħol ma jkunx jista’ jiġi implimentat kif suppost.

Fergħat Distrettwali

Matul ix-xhur li għaddew l-FŻL beda proċess ta’ ristrutturar intern, sabiex l-għaqda tibqa’ tkun relevanti għaż-żgħażagħ, tisma’ l-ideat tagħhom, u jkunu aktar involuti direttament fl-istrutturi tagħna. Fil-fatt, wara li fi Frar nidejna l-fergħat distrettwali, bi pjaċir ninnota l-ħidma li qed iwettqu l-ewwel fergħat li bdew joperaw u nħares ‘il quddiem sabiex fix-xhur li ġejjin, inkunu nistgħu intemmu l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, jiġifieri li t-tlettax -il fergħa distrettwali jkunu qed joperaw kollha kemm huma. Xogħol il-fergħat distrettwali prinċipalment huwa li  jżommu l-kuntatt bejn iż-żgħażagħ u l-FŻL, u wara kollox il-Partit Laburista. Dan isir b’diversi modi, kemm permezz ta’ attivitajiet soċjali, u l-aktar importanti, minħabba n-natura tal-organizzazzjoni, permezz ta’ diskussjonijiet politiċi. Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qed jitħabbru xi impenji li ser jidħlu għalihom dawn il-fergħat.

Politika Soċjali

Apparti minnhekk, fuq bażi aktar ċentrali għaddej proċess sabiex jissaħħaħ l-uffiċċju tal-politika soċjali tal-FŻL b’impenn tajjeb mill-Uffiċjal Politiku tal-għaqda Naomi Cachia, sabiex dan il-qasam tant importanti ikompli jagħti aktar frott u jħalli bidliet mhux biss b’mod intern, iżda anke fuq bażi aktar nazzjonali.  L-interess ewlieni huwa li l-FŻL jagħti vuċi liż-żgħażagħ fuq diversi issues kemm li diġà jinsabu fuq l-aġenda Nazzjonali kif ukoll suġġetti innovattivi oħrajn. Hawnhekk nieħu din l-okkażżjoni sabiex dawk kollha li jixtiequ jaraw xi suġġett ikun diskuss javviċinaw lill-FŻL permezz tad-diversi mezzi ta’ kommunikazzjoni.

Kommunikazzjoni

Matul ix-xhur tas-sajf ser jissokta xogħol ieħor importanti, dak li nsaħħu l-mezzi ta’ komunikazzjoni u nkomplu nagħtu dehra aktar friska lill-FŻL. Wara li mat-tnehdija tal-operat il-ġdid tal-FŻL, nidejna wkoll id-dehra korporattiva l-ġdida, u nidejna wkoll is-sit uffiċċjali l-ġdida,www.fzl.org.mt, għaddej xogħol sabiex insaħħu dawn il-mezzi kollha.  

L-ewwel attività għas-Sajf 2015

Beach PartyL-aspett soċjali huwa wkoll importanti minħabba li dan huwa mezz ta’ kif b’mod personali nsaħħu l-kuntatt tagħna mal-membri. Għall-ewwel  darba, ser inkunu qed norganiżżaw ‘Beach Party’ fil-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa. Dan ser isir nhar il-11 ta’ Lulju li ġej. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn ONE Complex il-Marsa jew mir-reception taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun. Għal aktar informazzjoni tista’ żżur ukoll il-paġna ta’ Facebook, instagram, twitter jew is-sit uffiċjali tal-FŻL.

 

 

 

Inħares ‘il quddiem sabiex inkomplu nżidu l-impenn tagħna matul ix-xhur li ġejjin biex nibqgħu nżommu lill-Partit Laburista d-dar naturali taż-żgħażagħ billi nagħtu  aktar vuċi liż-żgħażagħ. L-impenn tagħna mhux li nkunu cheer leaders, iżda li  naraw kif il-ħidma tal-Partit Laburista fil-Gvern tkompli tissaħħaħ biex ikomplu jgawdu iż-żgħażagħ, u dawk kollha li jiġu influwenzati mid-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

 

 

21 Jun, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Sajf 2015; Aktar impenn"