Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Solidarjetà mal-istudenti tal-MCAST

Kitba ta’ Dr. Alex Saliba,  President FŻL

“…Gvern Laburista ħadem bla waqfien sabiex mill-kliem imur għall-fatti u verament jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar opportunitajiet lill-istudenti tagħna.”

L-attakk feroċi tad-deputat Nazzjonalista George Pullicino ħasad lil bosta studenti tal-MCAST li ħassewhom imżeffna f’kontroversja frivola li nħolqot mill-Partit Nazzjonalista sabiex jippruvaw jiskurjaw xi ftit punti politiċi. Jidher biċ-ċar li l-ħidma l-kbira li qed iwettaq dan il-Gvern fil-qasam edukattiv f’pajjiżna ħasdet mhux ftit lill-Partit Nazzjonalista, partit li għal snin twal rikeb fuq il-karru tal-biża li bi Gvern Laburista kienet ser tinħoloq apokallisi fil-qasam edukattiv f’pajjiżna.

Sentejn ta’ ħidma bla waqfien

Sa mill-ewwel ġurnata ta’ din il-leġiżlatura Gvern Laburista ħadem bla waqfien sabiex mill-kliem imur għall-fatti u verament jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar opportunitajiet lill-istudenti tagħna. Żidna l-istipendji tal-istudenti kollha abbażi taż-żidiet tal-għoli tal-ħajja; stipendji li ser ikomplu jiżdiedu ta’ kull sena sakemm il-poplu jibqa’ jagħtina l-fiduċja.

Konna nisimgħu għal snin twal lill-Partit Nazzjonalista jbeżża lill-istudenti tagħna bil-babaw fejn irrepeta għal aktar minn darba waqt il-kampanja elettorali li għaddiet li Gvern Laburista kien ser jibgħat lill-istudenti jiddejnu. Minflok għamilna dan, komplejna nkabbru l-eleġibilità ta’ dawk li jingħataw l-istipendji f’pajjiżna. Tajna stipendju għall-ewwel darba lill-istudenti li għal xi raġuni jew oħra kellhom jirrepetu sena, għajnuna diretta lil dawn l-istudenti sabiex jagħmlu kuraġġ u ma jaqtawx qalbhom fl-avvanz akkademku tagħhom; miżura li sfat taħt attakk aħrax mill-Partit Nazzjonalista li skonthom dawn l-istudenti ma kienx ħaqqhom jingħataw din l-għajnuna mill-Gvern. Sa din il-ġimgħa stess tajna wkoll stipendju ġdid lill-istudenti tal-MCAST li bħalissa għaddejjin bl-apprentistat fix-xhur Sajfin, stipendju li ser ikompli jinkoraġġixi aktar zgħażagħ sabiex itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom filwaqt li jiġu mgħejuna finanzjarjament mill-Gvern.

Matul dawn l-aħħar sentejn tajna ammont rekord ta’ boroż ta’ studji lill-istudenti Maltin u Għawdxin sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jkomplu jisspeċjalizzaw fl-istudji tagħhom. Filfatt bħallissa għaddejin wkoll l-interviews sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jingħataw l-ewwel boroz ta’ studju fil-livell ta’ post-doctorate taħt l-iskema ta’ Reach High.

Komplejna nħaddmu b’għaqal il-Garanzija taz-Żgħażagħ, garanzija li f’sentejn biss irnexxielha tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ tagħna b’terz. Garanzija illi tajjeb illi niftakru illi ġiet deskritta u redikolata mill-Kap tal-Oppożizzjoni li saħansitra rrefera għaliha bħala l-garanzija tal-washing machines.

Komplejna naħdmu sabiex nagħtu aktar opportunitajiet u tama lil dawk l-istudenti illi weħlu minn xi eżami fil-livell tas-SEC. Filfatt matul dawn is-Sajf madwar 1,000 student u studenta ser ikunu qed ipoġġu għal numru ta’ revision classes b’ xejn sabiex huma wkoll ikollhom l-opportunità li jgħaddu minn dawn l-eżamijiet.

Komplejna nsaħħu l-Università

“Żidna l-budget globali tal-Università bi 22 miljun ewro”

Ħdimna sabiex inressqu lejn pajjiżna Universitajiet ta’ fama mondjali sabiex b’hekk inkomplu nressqu lejn pajjiżna  aktar studenti barranin filwaqt li nagħtu l-possibilità lil aktar studenti Maltin sabiex jispeċċjaliżżaw fl-istudji tagħhom f’pajjiżna stess. Ressaqna lejn Malta l-Università La Sapienza, il-Barts Medical School u kif wkoll id-De Paul University li ser ikomplu jgħollu isem pajjiżna filwaqt li jgħinu sabiex inkabbru l-ekonomija u l-iżvilupp f’Għawdex u kif wkoll fin-naha t’isfel ta’ pajjiżna. Investimenti li tefgħu f’paniku assolut lill Oppożizzjoni li spiċċaw saħansitra jiġġustifikaw il-kritika tagħhom lejn dan l-investiment billi qalu li jekk l-Università de Paul tiftah il-bibien tagħha f’ Wied il-Għajn kien ser jispicca jgħola l-għaġin għar-residenti ta’ Marsaskala u l-akwati!

Pero’ wiehed irid isemmi wkoll li dan il-Gvern ma tax il-ġenb lill Università ta’ Malta, Università li dan il-Gvern wiret bi djun kbar li saħansitra kienet spiċċat fi stat tant prekarju li lanqas biss kien fadal kapital sabiex bih jitħallsu l-lecturers tagħha! Żidna l-budget globali tal-Università bi 22 miljun ewro matul l-aħħar budget sabiex illum ilaħħaq l-ammont rekord ta’ madwar 70 miljun ewro. Dan minbarra numru ta’ investimenti oħra li qed isiru kemm b’ fondi ewropej u kif wkoll b’ fondi lokali sabiex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura u kif wkoll tkompli tiżdied ir-riċerka.

L-MCAST taħt attakk!

“Bil-kritika tiegħu il-Partit Nazzjonalista spiċċa joħloq qasma u firda wkoll bejn l-Università u l-MCAST…”

Skantajt mhux ftit meta smajt lid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino jitmasħan fil-Parlament fuq l-istandards edukattivi tal-MCAST. Attakk feroċi li qed jipperikola l-kredibilità ta’ dak li b’sagrifiċċju u determinazzjoni irnexxielhom jiksbu eluf ta’ studenti Maltin u Għawdxin li matul dawn l-ahhar snin attendew f’ din l-istituzzjoni edukattiva. Attakk dirett wkoll fuq il-lecturers u l-istaff tal-MCAST li b’ tant dedikazzjoni u impenn jagħmlu l-almu tagħhom kollhu sabiex jaraw lill istudenti tagħhom jiksbu suċċess f’ ħajjithom.

Bil-kritika tiegħu il-Partit Nazzjonalista spiċċa joħloq qasma u firda wkoll bejn l-Università u l-MCAST, żewġ istituzzjonijiet li saħansitra matul il-ġimgħa li għaddiet rajnihom jikkoperaw bejniethom sabiex studenti  tal-MCAST li jkunu kisbu Extended Diploma in Health and Social Care illum ser ikunu jistgħu ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom b’ kors tal-infermiera fl-Università ta’ Malta. Kooperazzjoni li bil-fatti qed isaħħaħ u mhux idgħajjef dawn l-istituzzjonijiet edukattivi f’ pajjiżna.

Pero’ l-għaġla u l-paniku tal-Partit Nazzjonalista joħroġ aktar ċar meta wieħed iqis li kienet amministrazzjoni preċedenti fl- 2012 illi tat lill MCAST il-fakultà li taghmel awto-akkreditazzjoni fil-livell ta korisijiet illi toffri. Dan kollu pero’ qed isir taħt qafas serju u professjonali ta’ quality assurances sabiex il-livell edukattiv jibqa dejjem wieħed b’ saħħtu. Kien għalhekk wkoll li din is-sena għall-ewwel darba sar wkoll studju ikkumissjonat min-National Commission for Higher and Further Education  fl-MCAST, l-ITS u kif wkoll fl-Università sabiex jiġi assigurat li l-livelli u l-istandards edukattivi huma b’ saħħithom fil-korsijiet kollha li qedin jiġu offruti, rapport illi mistenni jiġi ippubilkat matul il-ġimgħat illi ġejjin.

Huwa għalhekk illi nemmnu illi dan l-avviż legali li ġie ippublikat mhux ser ikun qed inaqqas il-livell tal-ebda istituzzjoni edukattivi, anżi ser ikun qed isaħħaħ il-ħidma tagħna sabiex nagħtu kwalita’ ta’ edukazzjoni aħjar lill-istudenti tagħna. L-unika standard li ntmess kien dak li seħħ taħt amministrazzjoni Nazzjonalista meta ġiet f’ Malta istituzzjoni edukattiva li ffrodat mijiet ta’ studenti mingħajr ma l-gvern lanqas biss intebaħ!

L-Edukazzjoni m’ għandiex tispiċċa ballun politiku!

Hemm ħafna suġġetti li nemmen li ż-żewġ partit jistgħu jagħmlu minnhom areni politiċi sħan ħafna, żgur pero’ li l-qasam edukattiv m’ għandu qatt jiġi trasformat f’ waħda minn dawn l-areni politiċi. Dan għamlitu b’ sens ta’ serjetà l-Oppożizzjoni Laburista matul is-snin li għaddew u hekk għandha tagħmel wkoll illum l-Oppożizzjoni Nazzjonalista!

Għalina l-istudenti tal-MCAST għandhom l-istess potenzjal u l-istess drittijiet sabiex jirnexxu daqs kemm għandu jkollu kull student ieħor f’ pajjiżna. Huwa għalhekk illi l-Oppożizzjoni fil-kritika tagħha għandha tkun ferm aktar infurmata u ma tħallix l-agenda ta’ numru ta’ individwi li kapaċi jkollhom interessi personali tispiċċa tiġi użata sabiex tagħmel ħsara lill tant mijjiet ta’ studenti li bħalissa għaddejin bl-istudji tagħhom fl-istituti kollha tal-MCAST!

Alex Saliba

Dr. Alex Saliba

26 Jul, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Solidarjetà mal-istudenti tal-MCAST"