Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Storja ta’ Determinazzjoni

Kitba ta’ Naomi Cachia – Koordinatur Politiku FŻL

KullĦadd – 05/06/2016

Din il-ġimgħa ġie ppubblikat il-ktieb tat-tfal Truly Willa, miktub minn tifla ta’ tmien snin, Willa Naylor, li kienet imwielda u mrobbija f’pajjiżna. Permezz ta’ dan il-ktieb, iċ-ċkejkna Willa qed taqsam magħna l-istorja ta’ ħajjitha. Għalkemm ta’ età żgħira, b’maturità liema bħalha Willa tixtieq tuża lilha nnifisha bħala eżempju għal nies oħra li bħalha jidentifikaw bħala transgender.

Il-ħajja u l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minna huma differenti. Huwa diffiċli li tifhem eżattament minn fejn ġej ħaddieħor, speċjalment jekk qatt ma esperjenzajt l-istess diffikultajiet. Madankollu, ma jfissirx li dak li ma nifhmux huwa ħażin. Iktar minn hekk, ma tagħmilx sens li tikkummenta fuq dak li ma tifhimx, speċjalment jekk bi kliemek qed tweġġa’ familja li diġà għaddiet minn ħafna. Rajt ħafna kummenti negattivi b’reazzjoni għall-istorja ta’ Willa li ffrustrawni għal ħafna raġunijiet.

L-ewwel u qabel kollox, l-istorja ta’ Willa hija waħda ta’ tifla li sabet il-kunfidenza u l-kuntentizza, u tixtieq tagħmel il-kuraġġ lil ħaddieħor. Kif tista’, minflok tkun ferħan għaliha, tipprova tiddiskredita dak li għandha xi tgħid?

Il-fatt li Willa hija trans għandu jkun sekondarju għal min qed isegwi l-istorja minn barra. L-identità tal-ġeneru hija xi ħaġa li jifhem biss l-individwu, u għandu jkollu d-dritt jesprimiha kif irid. Fortunatament, f’pajjiżna, jista’! Ma ninsewx li f’Malta s-sena l-oħra ġiet introdotta l-liġi tal-identità tal-ġeneru, li permezz tagħha Malta saret mudell għal pajjiżi oħra. Imma d-dritt li tirrikonoxxi l-identità tal-ġeneru tiegħek għandu jiġi kwalifikat b’xi età minima? It-tweġiba hija le. L-istorja ta’ Willa mhix eċċezzjoni. Studji juru li sa ma wieħed jagħlaq tliet snin, ikun diġà fforma l-identità tal-ġeneru tiegħu, u din mhux dejjem tkun tikkorrispondi mal-karatteristiki fiżiċi li jiddeterminaw is-sess ta’ dak li jkun.

It-tfal għandhom vuċi li għandna nisimgħu. Willa kellha biżżejjed determinazzjoni u sapport minn ta’ madwarha biex dan il-fatt fehmitu ta’ età żgħira, u din hija ħaġa li għandha tiġi ċċelebrata, u mhux ikkritikata! M’hemm xejn li huwa inkwetanti f’dan kollu, bħalma esprimew xi kummenti li qrajt. Li hu verament inkwetanti għalija hu kemm, għal xi wħud, hu diffiċli li jaċċettaw dak li ma jagħmilx parti min-norma, anke jekk ma jkun qed jagħmel ħsara lil ħadd.

L-ironija f’dan kollu jinsab fil-fatt li huma dawn ir-reazzjonijiet negattivi u distruttivi li jagħmlu ktieb bħal dak ta’ Willa neċessità fis-soċjetà tagħna. Mhux kulħadd isib il-kuraġġ li sabet din iċ-ċkejkna. Li ma tikkonformax ma’ dak li fis-soċjetà jitqies bħala normali mhix faċli u, iktar importanti minn hekk, mhix għażla.

Nispera li l-istorja ta’ Willa sservi ta’ ispirazzjoni għal min għandu bżonnha, u li, jekk xejn, tgħinna biex bħala soċjetà nipprogressaw għal-livell ta’ inklussività li diġà teżisti f’Malta fil-forma tal-qafas leġiżlattiv.

Naomi Cachia

Naomi Cachia

05 Jun, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Storja ta’ Determinazzjoni"