Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

TAĦRIĠ

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Koordinatur PR tal-FŻL

Il-ħajja hija minjiera għat-tagħlim u, tkun taf kemm tkun taf, dejjem hemm lok biex tkompli żżid l-għarfien tiegħek. Tul dawn l-aħħar tliet snin, f’diversi okkażjonijiet il-Forum Żgħażagħ Laburisti wera l-impenn tiegħu biex iħarreġ lill-membri tiegħu f’diversi oqsma, mill-aspett politiku sal-midja soċjali u ħafna aktar. Dan permezz ta’ seminars, li saħansitra wħud minnhom kellhom bixra internazzjonali, fosthom l-iskola politika tal-IUSY u weekend seminar li kienu organizzati mal-għaqdiet internazzjonali YES, u IUSY, apparti l-akbar attività għaż-żgħażagħ Soċjalisti, il-World Festival, li kien opportunità tajba ta’ tagħlim ma’ żgħażagħ barranin li għandhom esperjenzi u kulturi differenti x’jaqsmu.

Qegħdin inġeddu dan l-impenn tagħna sabiex inkomplu nħarrġu lill-membri tagħna permezz ta’ workshops li qed norganizzaw fis-Sibtijiet tas-17 u l-24 ta’ Settembru u l-1 u t-8 ta’ Ottubru 2016. Tul dawn il-workshops bit-tema magħżula ‘Taħriġ’, se ntellgħu sessjonijiet li jvarjaw minn kif wieħed ikun kreattiv fil-ħsieb tiegħu, għall-komunikazzjoni. Iżda, fl-aħħar minn l-aħħar, x’inhu l-għan ta’ dan it-taħriġ? L-għan huwa wieħed: dak li l-membri tagħna jakkwistaw aktar ħiliet biex itejbu u jsaħħu l-argumenti politiċi tagħhom u, permezz ta’ aktar kreattività u argumenti sodi u ċari, ifissru dak li jkunu jixtiequ jwasslu lil min ikunu qed jindirizzaw.

Kif wieħed jista’ japplika għal ‘Taħriġ 2016’?

Huwa tajjeb li nenfasizza li dan huwa investiment fir-riżors uman tagħna. Il-Forum Żgħażagħ Laburisti japprezza ħafna d-dedikazzjoni li għandhom il-membri lejn din il-fergħa u l-Partit Laburista, għax il-ħin u x-xogħol kollu li jsir huwa kollu volontarjat. Għaldaqstant, għalina huwa importanti li nassiguraw li opportunitajiet bħal dawn jingħataw lill-membri tagħna u jkunu disponibbli għalihom. Dan ifisser li, sabiex wieħed japplika għal dan it-taħriġ, kulma jrid jagħmel huwa li jimla’ l-formola li tinsab fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Forum Żgħażagħ Laburisti jew fuq is-sit elettroniku li huwa www.fzl.org.mt. L-applikazzjonijiet huma bla ħlas.

‘Taħriġ 2016’ huwa maqsum fuq erbat ijiem mifruxin fuq erba’ Sibtijiet differenti. Matul dawn is-sessjonijiet se jittellgħu workshops differenti skont xi tkun it-tema tal-ġurnata partikolari. Fis-17 ta’ Settembru se jsiru l-workshops ta’ creative thinking, filwaqt li fit-tieni ġimgħa se niffukaw fuq il-komunikazzjoni u kif wieħed għandu jwassal messaġġ ċar, anke quddiem grupp ta’ nies. Fl-1 ta’ Ottubru, il-lenti se tmur fuq il-midja soċjali u x’opportunitajiet toffri biex, permezz ta’ dan it-tip ta’ komunikazzjoni, twassal il-kampanja politika tiegħek. Fl-aħħar workshop se nkunu qed niffukaw aktar fuq il-messaġġ permezz tal-kitba u x’inhuma l-aħjar metodi biex twassal messaġġ ċar bil-kitba.

Dawn is-sessjonijiet kollha se jsiru minn persuni li huma esperti fil-qasam biex b’hekk nassiguraw l-aħjar taħriġ possibbli. Nagħlaq billi nħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ li huma interessati li jikkontribwixxu biex jipparteċipaw u jieħdu l-opportunità u jsaħħu l-ħiliet personali tagħhom ukoll. Għal aktar informazzjoni dwar ‘Taħriġ 2016’ inħeġġek sabiex tikkomunika magħna permezz ta’ email lil [email protected] Matul iż-żmien li ġej, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-FŻL, se nwasslu aktar informazzjoni dwar il-workshops.Għaldaqstant, inħeġġek biex tibqa’ ssegwi l-midja tagħna biex tibqa’ żżomm ruħek aġġornat.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

21 Aug, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "TAĦRIĠ"