Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Tliet Snin…u Aktar!

Kitba: Sarah Agius, Sindku Ħaż-Żebbuġ

Ninsabu tliet snin minn meta Malta eleġġiet Gvern ġdid; gvern li Malta tant kienet ilha tant għatxana għalih. Mill-ewwel beda x-xogħol biex issa l-Gvern preżenti jagħmel dak li l-amministrazzjoni preċedenti, taħt Gvern Nazzjonalista, sippost għamlet f’25 sena; b’pass mgħaġġel, b’impenn, dedikazzjoni u b’perswazzjoni. Kif jgħidu, Ruma ma nbnietx f’ġurnata u filfatt fadal ħafna xi jsir. Però tajjeb li nagħmlu ftit analiżi ta’ x’kien imbassar, x’seħħ u x’fadal isir.

Ngħiduha kif inhi, kull bidu hu xi ftit iebes iżda dan il-Gvern kien preparat b’roadmap ċara, b’targets fattibli u bi pjan li beda jattwa sa mill-ewwel ġurnata tal-leġislatura. M’għamilniex bħal ħaddiehor illi kien jistenna sal-aħħar 6 xhur tal-leġislatura sabiex jibda jroxx ftit bżar; xammarna l-kmiem u bdejna naħdmu sa mill-ewwel ġurnata.

Fuq fomm kulħadd zgur hu t-tkabbir ekonomiku. Skont rapporti tal-NSO u tal-Kummissjoni Ewropea, Malta għandha fost l-aktar tkabbir ekonomiku; dak ta 6.3% minn fost il-membri kollha taż-żona Ewro. F’termini ta’ numri, l-ekonomija ta’ pajjiżna miexja aħjar milli konna qed inbassru. Infatti, ta min wieħed jiftakar li lejliet l-aħħar elezzjoni Simon Busuttil kien basar li jekk jitla l-Partit Laburista niġu bżonn bailout, waqt li jekk jitla hu kien wiegħed li sa l-2015 ikollna tkabbir ta’ 2.8%.  Mhux talli m’hawn l-ebda bailout, talli ksibna d-doppju tal-miri li kien jaspira ghalihom il-Kap tal-Oppożizzjoni. Apparti hekk, ftit jiem ilu smajna li l-Partit Nazzjonalista jrid jmexxi kampanja aggressiva li tostakola l-ekonomija u l-impjiegi għax jaħseb li jista’ jfixkel lill-pajjiż. Dan is-suċċess ekonomiku qed jiġi reġistrat bid-deċizjonijiet li ttieħdu; b’riżultat tal-bidla li qed isseħħ wara l-għazla li għamlu l-familji tlett snin ilu.

Tajjeb li wieħed jistaqsi’ x’jiswa li l-ekonomija qed tikber jekk mhux kulħadd ikun qed iħoss dan it-tkabbir? Din hija l-isfida tagħna; irridu naraw li l-faxex kollha tas-soċjetà tħoss it-tkabbir ekonomiku. Irridu naraw ukoll li dan it-tkabbir ekonomiku jirriżulta f’aktar flus fil-bwiet tan-nies.

Dan il-Gvern kien kapaċi jikseb suċċessi u riżultati li għal ħaddieħor kienu impossibli. Tajjeb li niftakru li l-Gvern ta’ Joseph Muscat naqqas il-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma, fejn skont il-Partit Nazzjonalista din kienet biss ħrafa – l-Alice in Wonderland. Apparti numru ta’ miżuri oħra l-Gvern ftakar fina ż-żgħażagħ ukoll. Ġiet imneħħija t-taxxa tal-boll, u ingħatat €5,000 dota lil-koppji żgħażagħ; ingħata l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16–il sena; daħlet il-garanzija taż-żgħażagħ; qed jingħata stipendju għal min jirrepeti; żdiedu l-istipendji; daħlet il-liġi tal-identità tal-ġeneru, fost ħafna oħrajn. Sa sentejn oħra m’għandix dubju li l-lista ser tirdoppja. Fuq dan kollu l-Oppożizzjoni trid tibqa negattiva u arroganti; forsi għax qed tara li meta hi kienet fil-gvern ma kinitx kapaċi iġib dawn is-suċċessi f’tant qasir żmien!

Perfetti m’aħniex u fejn saru l-iżbalji rajna kif indirizzajnihom. In-nies trid tiftakar li dan il-Gvern kellu l-kuraġġ politiku sabiex jibdel deċiżjonijiet li jkun ħa, bid-differenza ta’ amminsitrazzjoni preċedenti fejn kienet tgħaddi gaffa minn fuq kulħadd. Din hi sistema ta’ governanza ġdida. Aħna suġġetti għall-iżbalji u ċertu deċizjonijiet drastiċi iridu jittieħdu. Naħseb li Gvern li ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet hu l-aqwa għodda sabiex eventwalment, il-magna tal-Gvern, li hija l-amministrazzjoni pubblika, tkun tista’ taħdem. Ejja mela inkomplu nipprovdu viżjoni fit-tul għal pajjiżna u inkomplu nxammru l-kmiem biex dawk in-nies li għandhom raġun, jieħduh biex b’hekk inkomplu nagħmlu lil Malta pajjiż ta’ suċċess.

sarah (1)

Sarah Agius

13 Mar, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Tliet Snin…u Aktar!"