Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Trasparenza, Effiċjenza u Kontabiltà

 Kitba ta’ Bryony Bartolo, Segretarja Ġenerali FŻL – Forum Żgħażagħ Laburisti

 
Trasparenza, effiċjenza u kontabiltà – tlett kelmiet li f’dawn l-aħħar tlett snin smajna ħafna fuqhom u rajna t-tifsira tagħhom tiġi attwata mhux biss bil-kliem iżda ukoll bil-fatti, xi ħaġa li ma tantx konna mdorrijin biha qabel.

Fil-qasam tal-Ġustizzja dawn it-tlett kelmiet huma importanti hafna. Dan minħabba li dan is-settur huwa wieħed mill-pilastri ta’ soċjetà demokratika li jħaddan il-valur ta’ trasparenza u kontabiltà li jwasslu l-pubbliku inġenerali jkollu fiduċja sħiħa f’dan is-settur. Huwa settur importanti li joffri bilanċ fis-soċjetà. Huwa għalhekk li f’dawn l-aħħar tlett snin Gvern Laburista ħadem bis-sħiħ favur miżuri li jkomplu jtejbu dan il-qasam.

F’dawn l-ahħħar jiem, ir-riforma kostituzjonali kienet waħda importanti ħafna, l-ewwel waħda ta’ din ix-xorti wara tletin sena. Permezz ta’ din ir-riforma, issa se jkun hemm aktar trasparenza kif jiġu maħtura l-Ġudikanti. Dan hekk kif sotto-kumitat fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, kompost minn 5 persuni indipendenti u l-President tal-Kamra tal-Avukati, se jkun qed jagħti parir fuq il-mertu u l-kompetenza ta’ kull avukat li jissottometi l-espressjoni t’interess sabiex jifforma parti mill-Ġudikatura. Għalkemm il-Gvern jista’ ma jaqbilx mal-għażla ta’ dan il-kumitat, f’każijiet bħal dawn irid jagħti raġuni għaliex mhux ha jimxi mal-parir tas-sotto-kumitat.

Dan il-Gvern ħadem ħafna għal aktar kontabiltà fil-qasam tal-Ġustizzja permezz tal-Kodiċi tal-Etika għall-Ġudikatura. Din il-kontabiltà se tkompli tissaħħaħ bil-kumitat ta’ dixxiplina li se jkun kompost minn Imħallfin u Maġistrati magħzulin mill-Ġudikatura stess sabiex jieħdu passi dixxiplinarji meta jinġiebu akkużi ta ksur ta’ etika mill-Ministru għall-Ġustizzja jew mill-Prim Imħallef. Dan il-kumitat jista’ jieħu diversi miżuri f’każ ta’ xi nuqqas, bil-miżuri jvarjaw skont il-gravità tan-nuqqas. Filfatt, fejn qabel Maġistrat jew Imħallef seta’ biss jitneħħa wara qbil ta’ żewġ terzi tal-kamra tad-deputatif’każ ta inkapaċità biex jaqdi l-irwol tiegħu jew imġieba ħażina, issa jekk ikun hemm nuqqas żgħir iżda li xorta jmur kontra l-Kodiċi tal-etika, l-Imħallef jew Maġistrat jista’ jingħata twissija jew inkella multa li tammonta għal 10% tas-salarju annwali. Din tawgura tajjeb għal ġudikatura aktar responsabbli lejn il-Kodiċi tal-Etika.

L-effiċjenza tal-Qrati huwa punt ieħor kruċjali f’dan il-qasam, fattur li qed ikompli miexi dejjem għall-ahjar taħt dan il-Gvern. Iżda biex din l-effiċjenza titħares, ġie mniedi Charter taċ-Ċittadini li jagħmlu użu mill-Qrati ta’ Malta. Fih jiġbor informazzjoni dwar il-proċess ġudizzjarju fil-Qrati u fejn wieħed jista’ jagħmel l-ilment tiegħu f’każ li l-istandards ma jintlaħqux. IċCharter jinkludi wkoll lista ta’ drittijiet li għandu akkużat meta jkun taħt arrest. Dan fid-dawl li fl-2014, dan il-Gvern kompla jsaħħaħ id-drittijiet tal-akkużat u tas-suspettat fl-isforzi favur iktar trasparenza u kontabiltà mill-awtoritajiet.

L-effiċjenza tal-Qrati Maltin qed tiżdied bil-fatti. Filfatt, statistika li ħarġet jiem ilu turi kif fil-Qorti Ċivili, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2016 ġie ddikjarat l-inqas rata ta’ każijiet f’dawn l-aħħar 16-il sena. Barra minn hekk, fil-Qrati Kriminali, ukoll kien hemm titjib hekk kif fl-aħħar tlett snin rajna tnaqqis ta’ każijiet pendenti.

Meta wieħed iħares lejn is-snin preċedenti jara li saru avvanzi kbar f’dan l-aħħar tlett snin. Dan ma jfissirx li wieħed jista’ jiqaf hawn. Żgur li fadal hafna xi jsir. Madanakollu dan kollu juri li dan il-Gvern qed jagħti garanzija li fil-qasam tal-Qrati u Ġustizzja se jsiru t-tibdiliet meħtieġa għal sistema aktar trasparenti, kontabbli u effiċjenti, kemm għal min jaħdem fiha kif ukoll għaċ-ċittadin li jkollu bżonn is-servizz tal-Qrati.

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

31 Jul, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Trasparenza, Effiċjenza u Kontabiltà"