Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Viżjoni Komuni għaż-Żgħażagħ

Kitba ta’ Naomi Cachia Uffiċjal Politiku FŻL

 

Fit-12 t’Awwissu, bħal kull sena, iċċelebrajna l-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-kelma ‘żgħażagħ’ tiġbor fiha diversità tant vasta ta’ individwi li xi kultant, bħala għaqdiet taż-żgħażagħ, għandna t-tendenza li niffukaw il-ħidma tagħna biss fuq dawk li jagħmlu parti minn xi istituzzjoni edukattiva; huwa ferm iktar faċli li nilħqu lil din il-kategorija minn, għal mod tal-kelma, żgħażagħ li jagħmlu parti mid-dinja tax-xogħol. Mandankollu meta npoġġu madwar mejda u niddiskutu l-aġenda politika immirata għaż-żgħażagħ, huma ir-realtajiet diversi li nsibu f’pajjiżna li jiggwidawna biex nilħqu l-għanijiet tagħna.

 

B’hekk, kont kuntenta immens bil-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li ġiet varata din il-ġimgħa, bit-tema ta’ Viżjoni Komuni għall-Futur taż-Żgħażagħ, li tidher li hija imsawwra sewwasew fuq l-għarfien li l-ewwel u qabel kollox irridu nirrikonoxxu id-diversità fost iż-żgħażagħ tagħna. Fost l-oħrajn, tinkludi inizjattivi immirati biex insaħħu l-edukazzjoni non-formali, inżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u nkomplu nintegraw lil-minoritajiet fis-soċjetà tagħna.

 

It-tema magħżula din is-sena mill-United Nations għal dan il-jum kienet dik ta’ Youth Civic Engagement; l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika. Il-kontribut taż-żgħażagħ għall-formazzjoni ta’ soċjetà li hi dejjem iktar progressiva huwa indispensabbli. B’din it-tema, qed isir sforz biex ngħarfu iktar dan il-potenzjal. Illum il-ġurnata huma 122 il-gvernijiet madwar id-dinja li addottaw politika nazzjonali għaż-żgħażagħ.

 

Kif diġà semmejt, waħda mill-akbar sfidi f’dan il-qasam hija li jkun hemm opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ li għadhom parti mis-sistema edukattiva, u dawk li jaħdmu. Fil-verità, nemmen li l-opportunitajiet huma ħafna iżda irridu naħdmu biex inżidu l-viżibilità tagħhom u niffaċilitaw l-aċċess għalihom, kif ukoll biex nagħtu l-għodda lil kull zaġħżugħ u żagħżugħa biex, minn rgħajjhom, iffitxu dik l-opportunità li l-iktar tgħodd għalihom.

 

Iż-żgħażagħ, ġejjin minn fejn ġejjin, għandhom ħafna xi jgħidu. Ħafna minnhom lanqas għandhom idea li hawn min hu lest li jismagħhom; ma jafux li l-ħsibijiet tagħhom jistgħu jagħmlu differenza, u hawnhekk inkunu qed infallu bil-kbir fl-għanijiet tagħna. Għalkemm l-inizjattivi tal-Gvern immirati lejn iż-żgħażagħ huma ħafna, u huma pożittivi, ma nistax nenfasizza biżżejjed l-importanza li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jafu li jeżistu multitudni ta’ pjattaformi li qegħdin hemm speċifikament biex aħna, bħala l-futur ta’ dan il-pajjiż, inkunu nistgħu inressqu l-ideat u r-rakommandazzjonijiet tagħna, inkunu ċittadini attivi, u – għaliex le – inkunu aħna li nfasslu l-aġenda politika.

Nistqarr magħkom li, jien stess, sa ftit snin ilu qabel ma bdejt ninvolvi ruħi fil-Forum Żgħażagħ Laburisti u l-politika taż-żgħażagħ, ma kontx nagħti wisq kas tal-ħidma li ssir f’dan ir-rigward, iżda llum il-ġurnata ninsab grata immens li ħadt l-ewwel pass u li issa jiena parti minn numru t’għaqdiet fejn sibt spazju biex niżvilluppa u ntejjeb ħiliet li qabel lanqas kont konxja li kelli! B’hekk, hawn nixtieq nieħu l-opportunità nappella lill-qarrejja żgħażagħ biex, jekk għadhom mhumiex parti minn waħda mill-ħafna għaqdiet f’pajjiżna, jieħdu ċans u jagħmlu dan. Il-bibien tagħna huma miftuħa għal kullħadd!

 

 

 

16 Aug, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Viżjoni Komuni għaż-Żgħażagħ"