Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

X’hinu jiġri?!

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Koordinatur PR FŻL

Mistoqsija li ta’ sikwit insaqsi lili nnifsi biex inżomm rendikont ta’ dak li jkun għaddej madwari. Forsi mhux dejjem ikollna ċans nirriflettu jew inkella nanalizzaw fid-dettal l-iżviluppi li jkunu qed isiru, għalkemm forsi ninnutawhom. Naturalment, matul il-ġimgħat li għaddew, il-politika, baqgħet fl-aħbarijiet, u definittivament il-ġurnalisti u l-kummentaturi politiċi, u anke dawk satiriċi, kellhom xalata dwar xiex jiktbu, kemm b’mod lokali u anke internazzjonali.

Definittivament b’mod globali matul ix-xahar ta’ Jannar spikkat il-ħatra tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti, Donald Trump, għal bosta ħolma kerha li saret realtà, għax ma jaqblux miegħu, filwaqt li għal oħrajn, sens ta’ soljev għall-politika internazzjonali. Taqbel jew ma taqbilx żgur li tal-anqas bis-saħħa ta’ Trump, interessajt ruħek taqra, jew tinforma lilek innifsek aktar dwar dak li qiegħed isir bħalissa f’dan l-hekk meqjus l-aktar pajjiż b’saħħtu fid-dinja.

Min-naħa l-oħra, forsi aktar viċin darna, fl-Ingilterra d-dibattitu dwar BREXIT kompla għaddej, anke wara s-sentenza li tat il-Qorti Suprema tar-Renju Unit, li kkonkludiet li Theresa May ma tistax taqbad u tibda l-proċess ta’ Brexit mingħajr ma jkun hemm vot Parlamentari. Dan fl-isfond li bħalissa Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mument storiku għal pajjiżna, li għandu jagħmilna tassew kburin li aħna Maltin. U bil-fatti, għaliex diversi rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea faħħru x-xogħol preparatorju li beda jinħasad il-frott tiegħu matul dan ix-xahar. Hawnhekk niftaħ parentesi żgħira, biex ninnota l-umilità li ntweriet mill-Prim Ministru fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, meta sellem lill-predeċessuri tiegħu li wkoll kienu mistiedna għall-okkażjoni.

Hekk għandu jkun!

Żmien eċċitanti, hux tassew? Ikolli nammetti, li minkejja li Jannar, personalment bħala student, inqisu bħala wieħed mill-aktar xhur stressanti tas-sena, li fih qisni naqleb is-sistema umana għal waħda “robotika”, biex nipprova niftakar ħafna mill-affarijiet li nkun studjajt għall-eżamijiet, Jannar tal-2017 nista’ nikkunsidrah bħala ftit aktar memorabbli minn dawk ta’ qablu. Ironika xi ftit!

Qegħdin nesperjenzaw żmien fejn il-klima politika f’pajjiżna qed teskala, mhux ftit! Dan minkejja li l-elezzjoni, kif stqarr il-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu, fadlilha sa Marzu 2018. Dak jgħajjar lill-ieħor, xi drabi b’aġġettivi kkuluriti żżejjed, l-ieħor jinsa l-patria u bin-negattiviżmu kollu jħammeġġ isem pajjiżu (u pajjiżna), u riċentament rapporti kontra ġurnalisti għaliex jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom – naħseb li l-irjus qed jisħnu ftit mhux ħażin, u dan m’għandux ikun.

Nemmen li d-dibattitu politiku, jibqa’ serju u matur meta niddiskutu fuq kif se jittejbu l-policies tal-pajjiż, meta jiġu proposti ideat, li jkunu ċari, innovattivi u fattibbli u meta fil-verità, dak li titkellem dwaru tattwah. B’hekk biss il-kredibilità fil-politika tiżdied u l-attiviżmu taż-żgħażagħ jista’ jkompli jissaħħaħ.

F’Jannar ukoll, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ċċelebra s-66 sena mit-twaqqif tiegħu. Żmien li kien kruċjali sabiex żied l-involviment taż-żgħażagħ fil-Partit Laburista. Filwaqt li nsellem lil dawk kollha li matul is-snin ikontribwixxew sabiex din il-fergħa tkompli tikber, kburi ngħid li llum il-ġurnata jien parti minn organizzazzjoni li taħdem qatigħ sabiex ma tintilifx f’argumenti frivoli u minflok tkun il-vuċi taż-żgħażagħ, u tressaq ’il quddiem policies, li jagħmlu d-differenza tassew. U hekk biss il-pubbliku, irrispettivament mill-età tiegħu jista’ jerġa’ jibda jipparteċipa fil-politika.

Li tkun parti minn għaqda, tgħin sabiex tati kontribut lis-soċjetà. L-istess li tkun parti minn xi partit politiku.

B’dispjaċir ninnota iżda li bħalissa l-politika f’pajjiżna inħakment minn individwi li wisq nibża’ li qed jużawha bħala ‘stage’ biex jitkellmu dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernawhom personalment.

Għalhekk b’dan l-aġir qed jagħtu lill-politika dell ta’ farsa u jnaqqsu r-rispett lejn dibattitu matur, nieqes mill-attakki u mimli b’argumenti ta’ ħsibijiet ibbażati fuq l-informazzjoni. Iżda bil-wisq aktar nibża’ li din tista’ tkun tattika sabiex tkun iddevjata l-attenzjoni minn fuq min tassew għandha tkun. Bħallikieku qegħdin fit-teatru, l-ispotlight imxiet minn fuq l-attur prinċipali, għall-buffu li jintuża sabiex idaħħak ftit, u jagħti twist lill-istorja, meta l-attur prinċipali nesa l-linji tiegħu u jinsab imfixkel.

Fortunatament, iżda, bi pjaċir ninnota kif pajjiżna baqa’ miexi f’direzzjoni pożittiva, b’riżultati ekonomiċi tajbin ħafna xahar wara l-ieħor li jirrappreżentaw il-bżulija tagħna bħala poplu. Nagħlaq dawn il-ftit ħsibijiet tiegħi b’appell, sabiex inwarrbu l-provokazzjoni, u minflok inkunu pożittivi u nargumentaw l-ideat differenti biex inkomplu niżguraw li pajjiżna jkompli jiżviluppa u jimxi għall-progress u mhux rigress. Ejja ma nibnux ħitan, iżda pontijiet li jiftħu toroq ġodda!

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

05 Feb, 17

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "X’hinu jiġri?!"