Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Żgħażagħ ta’ 16 għandhom jivvutaw?

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Koordinatur PR FŻL

Reġa’ qam id-dibattitu f’pajjiżna dwar il-vot ta’ 16 -il sena. Din id-darba biex ikun hemm estenzjoni ta’ dan il-vot għall-elezzjonijiet Ġenerali. Dan wara li l-Gvern ħabbar li se tkun qed issir konsultazzjoni dwar dan.

Tlett snin ilu, kien għaddej ġmielu d-dibattitu dwar jekk żgħażagħ ta’ sittax u sbagħtax -il sena għandhomx jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Dibattitu li fil-verita’ beda snin qabel bi proposti li ġew min-naħa tal-Prim Ministru, meta kien għadu Mexxej tal-Oppożizzjoni u mill-Kunsill Nazzjonali taż-żgħażagħ.

Kwistjoni bħal din issib ir-reżistenza ta’ wħud li meta tagħsar l-argumenti tagħhom, il-meraq li joħroġ minnhom tista’ tgħid li jduru mal-preġudizzju li żgħażagħ ta’ sittax -il sena “jkunu għadhom żgħar wisq biex jivvutaw”, jew inkella jsejjħulhom “tfal”. Hawnhekk nagħmel parenteżi; nemmen li kulħadd huwa intitolat għall-espressjoni personali tiegħu, u huwa tajjeb li jsemmugħha għax argumenti kontrastanti għandhom jgħinu lid-dibattitu jkun aktar matur.

Fil-ħdax ta’ April 2015 għall-ewwel darba vvutaw żgħażagħ ta’ sittax -il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Kien jum storiku għall-pajjiżna. Wara li fi żmien passat, kien ingħata dritt ugwali tal-vot, tnaqqset l-eta’ tal-vot għal tmintax -il sena, u ingħata d-dritt lin-nisa, kien imiss dan il-pass importanti.

Persuna ta’  sittax-il sena għandha r-responsabilita’ li tagħmel deċiżjonijiet importanti, fosthom jekk tkomplix bl-edukazzjoni jew inkella tidħolx fid-dinja tax-xogħol. Jekk se tidħol fid-dinja tax-xogħol se tkun qed tikkontribwixxi għall-ekonomija. Allura l-policies u deċiżjonijiet li jittieħdu se jinfluwenzawha wkoll. Apparti minn hekk, jekk tkun se tkompli fis-sistema edukattiva, allura se tkun ibbumbardjata b’messaġġi politiċi minn għaqdiet studenteski differenti, għaliex hemmek għandha dritt demokratiku biex tagħżel ir-rappreżentanti tagħha fil-korp studentesk. Għalkemm jaf ikun hemm min jargumenta li l-politika studenteska hija differenti minn dik Nazzjonali – jien ma naqbilx.

L-ewwel nett korpi studenteski, ħafna mid-drabi jaġixxu ta’ gruppi ta’ pressjoni bħal ma naraw ħafna mid-drabi lill-Kunsill tal-Istudenti tal-Universita’. Għaldaqstant jinvolvu direttament ruħhom f’issues li jkunu qed jiġru b’mod Nazzjonali.

It-tieni, il-prinċipju demokratiku għandu jkun l-istess; dak ta’ rapreżentanza xierqa għal kull student, bħal m’għandu jkun hemm f’istituzzjonijiet rapreżentattivi bħall Kunsilli Lokali u l-Parlament.

Ikun hemm min jargumenta li żgħażagħ ta’ sittax u sbagħtax – il sena m’humiex kapaċi jivvutaw. Nistaqsi, min hu kapaċi jivvota? Min għandu d-dritt divin li jgħid li persuna oħra m’hijiex kapaċi li teżerċita dritt demokratiku bħali, u bħalek li qed taqra dawn il-ħsibijiet? Inħoss li xi drabi nistmaw ħażin lil żgħażagħ meta nilħqu ċertu eta’ u ninsew kemm konna nħossuna frustrati, meta konna nargumentaw fuq xi suġġett jew ieħor imbgħad jgħidulek; “int kannol bla krema”.

Nemmen li f’pajjiż modern bħal tagħna, fejn qed isir progress bla preċedent, b’ekonomija li qed tikber b’rata b’saħħitha, b’aktar drittijiet ċivili sabiex tinħoloq aktar ġustizzja u ugwaljanza, kulħadd għandu d-dritt li jsemma’ leħnu – anke ż-żgħażagħ ta’ sittax -il sena, li għada pit-għada se jkunu huma li jieħdu d-deċiżjonijiet f’isimna.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

02 Oct, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Żgħażagħ ta’ 16 għandhom jivvutaw?"