Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Stqarrija: Bidu ġdid għall-FŻL

Is-Sibt 21 ta’ Frar 2015

Maħruġa mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

Bidu ġdid għall-FŻL

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Forum Żgħażagħ Laburisti uffiċjalment nieda r-rebranding tiegħu waqt l-attività #Refresh, li ttelgħet fi club fir-Rabat Malta. Numru sabiħ ta’ żgħażagħ inġabru għal din l-ewwel attività tal-FŻL għal din is-sena.

Indirizzati mid-deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Dr. Toni Abela, iż-żgħażagħ preżenti ġew imħeġġa jibqgħu dejjem pass ‘il quddiem mill-Partit u ma jibżawx jikkritikaw fejn hemm bżonn. Dr. Abela qal li għandna dejjem naraw l-istampa kollha, u nevitaw li nippreġudikaw jew naslu għal konlużjonijet prematuri fil-ħidma u l-ħsibijiet tagħna. Huwa kompla billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ ikomplu jkunu protagonisti u jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit.

Il-President tal- Forum Żgħażagħ Laburisti, Dr. Alex Saliba, qal li t-tibdil fil-FŻL irid ikun aktar minn sempliċiment kosmetiku. L-emblema l-ġdida tal-FŻL żammet l-immaġini tal-warda, simbolu tas-soċjaliżmu u l-għeruq soċjal-demokratiċi tal-għaqda, filwaqt li żdiedu fl-isfond il-kuluri tal-bandiera Maltija; turija li fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, l-FŻL ser jibqa’ jżomm dejjem il-ġid ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox.

Tnieda ukoll is-sit elettroniku l-ġdid tal-FŻL, fzl.org.mt, li issa għandu dehra iktar żgħażugħa, iktar aċċessibbli, u iktar miftuħa għall-kontribut tal-membri tagħna, filwaqt li huwa ukoll aċċessibbli minn smartphones u tablets. Il-ħsieb wara r-rebranding huwa li jservi ta’ pjattaforma iktar effettiva għall-attivitajiet u l-kampanji li se jitniehdu mill-FŻL fil-futur qarib.

L-iktar pass importanti għall-FŻL f’dan kollu huwa l-operat il-ġdid tal-għaqda. Il-Ġimgħa, il-FŻL nieda l-ewwel tlett fergħat minn tlettax-il fergħa distrettwali li se jkunu importanti għar-reklutaġġ ta’ numru kbir ta’ membri attivi ġodda, kemm mal-FŻL innifsu, u kif ukoll mal-Partit Laburista. B’hekk qed naspiraw li nissaħħu, kemm fl-isħubija u anke fl-ideat iktar innovattivi u dejjem iktar progressivi.

 


Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

21 Feb, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Stqarrija: Bidu ġdid għall-FŻL"