Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Stqarrija | Il-Forum Żgħażagħ Laburisti favur il-Morning-After Pill

Stqarrija

It-Tlieta 28 ta’ Ġunju 2016

Maħruġa mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti favur il-Morning-After Pill

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jemmen li kull mara Maltija u Għawdxija għandu jkollha dritt ta’ aċċess ħieles għall-Morning- After Pill. Huwa għalhekk illi l-ebda diskrezzjoni politika m’ għandha tintuża sabiex twaqqaf l-aċċess tal-Morning-After Pill fis-suq tagħna.

Nisħqu li l-ewwel u qabel kollox għandu jitwassal iktar għarfien rigward dawn it-tip ta’ kontraċettivi u s-saħħa sesswali u riproduttiva inġenerali. Nenfasizzaw l-importanza li l-għarfien għandu jingħata minn sorsi kredibbli u li m’għandhom l-ebda aġenda xi jmexxu. Għaldaqstant, kwalunkwe dikjarazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa li qed tħawwad l-imħuħ fuq din il-kwistjoni hija kundannabbli. Il-FŻL jemmen li dawk li huma kontra l-introduzzjoni tal-Morning After Pill qegħdin jużaw il-frażi “abort” b’ konvenjenza, biex tinħoloq ċertu biża’,u mhux b’ konvinzjoni u b’hekk ikomplu jċaħdu aktar drittijiet lin-nisa.

Il-FŻL jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott li qal b’ mod inekwivoku li, l-Morning-After Pill per se mhijex illegali u jonqos biss li jkun hemm importatur li jiddeċiedi li jirreġistraha mal-istess awtorità.

Il-fatt li grupp ta’ nisa, fis-sena 2016, kellhom jirrikorru għall-protest ġudizzjarju biex qamet diskussjoni fuq il-Morning-After Pill, meta f’pajjiżi oħrajn din tinxtara over-the-counter hija turija ċara ta’ kemm f’pajjiżna s-sesswalità għadha ikkunsidrata bħala xi tabù.

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

28 Jun, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Stqarrija | Il-Forum Żgħażagħ Laburisti favur il-Morning-After Pill"