Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Stqarrija: Pass eqreb lejn il-Kriminalizazzjoni ta’ Terapiji Malinni

Stqarrija

It-Tnejn 22 ta’ Frar 2016

Maħruġa mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

Pass eqreb lejn il-Kriminalizazzjoni ta’ Terapiji Malinni

 Il-Forum Żgħazagħ Laburisti jinsab diżappuntat u mħasseb bil-pożizzjoni uffiċjali tal-Kumitat fi ħdan il-Kurja fir-rigward tal-Abbozz ta’ Liġi dwar it-Terapiji ta’ Konverżjoni.

 Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jemmen bis-sħiħ li l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu qatt ma tista’ titqies bħala “marda” illi tista tiġi ikkurata b’ xi tip ta’ rimedju mediku, pskijatriku jew saħansitra reliġjuż. Huwa preokkupanti kif il-Kumitat fi ħdan il-Knisja f’ Malta għalaq għajnejh għall-każijiet dokumentati bħal dak ta’ Leelah Alcorn; meta wara li din it-tfajla ġiet sfurzata sabiex tpoġġi għal sessjonijiet ta’ terapija ta’ konverzjoni spiċċat neħħiet ħajjitha b’ idejha. 

 Huwa d-dmir tal-Gvern li jkompli jilleġisla sabiex jipproteġi persuni vulnerabbli milli jispiċċaw jiġu kostretti jpoġġu għal terapiji malinni li huma medikament ippruvati li ma jħallu l-ebda effett pożittiv fuq persuni LGBTIQ+, għajr dak illi jitrattaw orjentazzjoni sesswali illi fis-soċjetà mhijiex ikkunsidrata bħala in-norma daqs li kieku kienet xi tabù. 

Inkwetanti wkoll il-fatt illi dan id-dokument qiegħed saħansitra jorbot l-omosseswalità mal-pedofelija, dikjarazzjoni perikoluża u inġusta li titfa’ f’dell ikraħ lill-kommunità LGBTIQ+ f’pajjiżna. 

 L-abbozz ta’ liġi ppubblikat mill-Gvern qiegħed iħalli lok sabiex professjonisti ikunu jistgħu jesploraw l-orjentazzjoni sesswali tal-pazjenti tagħhom, element li jħalli ċertu flessibilità professjonali filwaqt li jipproteġi persuni vulnerabbli illi jistgħu jiġu kostretti sabiex mingħajr il-kunsens liberu tagħhom ipoġġu għall-sessjonijiet ta’ terapiji ta’ konverżjoni.

 Nistiednu lill-Kurja sabiex terġa’ tikkunsidra din il-pożizzjoni u tifhem ir-riperkussjonijiet li jista’ jkollu dan id-dokument fuq persuni LGBTIQ+. L-FŻL jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Oppożizzjoni għadha qed tiddiskuti internament sabiex toħroġ b’ opinjoni fuq dan l-abbozz ta liġi. Huwa inkwetanti kif Oppożizzjoni li trid tittieħed b’ serjeta’ meta titkellem fuq id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ ma ħaditx pożizzjoni dwar terapiji ta’ din ix-xorta wara 10 gimgħat illi dan l-abbozz tpoġġa għall-konsultazzjoni.  Inkwetanti aktar il-fatt illi l-istess Partit Nazzjonalista kellu kull opportunita’ possibli sabiex joħroġ b’pożizzjoni fuq dan l-abbozz hekk kif  żewġ rappreżentanti tal-FOIPN fi ħdan il-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ ilhom xhur sħaħ jiddiskutu din l-istess liġi.

L-FŻL iħeġġeġ sabiex naħdmu għal soċjetà inklussiva li ma tiġġudikax persuna abażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità  tal-ġeneru u, jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħha.

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

22 Feb, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Stqarrija: Pass eqreb lejn il-Kriminalizazzjoni ta’ Terapiji Malinni"