Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Stqarrija: Progress b’Responsabbiltà: Is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġijiet f’Postijiet ta’ Divertiment

Stqarrija

Il-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru 2015

Maħruġa mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

Progress b’Responsabbiltà: Is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġijiet f’Postijiet ta’ Divertiment

Ilbieraħ, l-10 ta’ Diċembru, il-Forum Żgħażagħ Laburisti organizza it-tieni laqgħa mis-serje ‘Progress b’Responsabbiltà’ fejn ġiet diskussa is-sigurtà f’postijiet ta’ divertiment u l-alternattivi li nistgħu noffru liż-żgħażagħ. Mistiedna għal din id-diskussjoni kienu l-Onor. Carmelo Abela, Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport l-Onor. Chris Agius, Mark Grima, President tal-Paceville Commercial Establishments Association, Samantha Pace Gasan mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u Georvin Bugeja, rappreżentant tal-FŻL.

Fost il-punti li tqajmu, Carmelo Abela saħaq li l-Gvern qed jaċċellera l-proċess ta’ reviżjoni tal-liġijiet li hemm fis-seħħ sabiex jiġu eżaminati is-salvagwardji meħtieġa f’dan il-qasam, inkluż il-ħruġ u revokazzjonijet ta’ permessi.  Il-Gvern qed iħares lejn ir-responsabbiltà kollettiva tal-propjetarji tal-istabbilimenti, l-impjegati tagħhom, kif ukoll tal-ġenituri sabiex il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod ħolisitku u mingħajr ma mmorru minn estrem għall-ieħor. Il-FŻL jemmen li dan huwa l-mod għaqli u xieraq ta’ kif għandha titwettaq din ir-reviżjoni; il-priorità short-term wara l-konsultazzjoni pubblika li għadha kif intemmet għandha sservi bħala eżaminazzjoni tal-prattiċi li hemm fis-seħħ, kif ukoll li jsir l-infurzar tal-liġijiet eżistenti waqt li jiġu mfassla liġijiet u miżuri li iktar jirriflettu r-realtaijiet tal-lum.

Chris Agius kompla ma’ dan il-punt u qal li fit-titjib li għandu jsir f’dan il-qasam irid jiġi kkunsidrat ukoll li ż-żgħażagħ qed iffitxu Paceville minn età żgħira, b’hekk minn barra l-kontrolli irridu nqisu ukoll l-alternattivi għalihom. Dan tennieh ukoll l-FŻL fil-proposti li ġew mgħoddija lill-Ministru Carmelo Abela fl-aħħar tal-laqgħa fejn qal li b’konsultazzjoni diretta maż-żgħażagħ għandu jinħoloq spazju alternattiv li realistikament jista’ jiġbed lejh lil dawk iż-żgħażagħ li jiffrekwentaw Paceville minkejja li l-liġi tistipola li l-età minima għall-konsum tal-alkoħol fl-istabbilimenti tad-divertiment hija ta’ 17-il sena.  Mark Grima żied jgħid ukoll li r-reviżjoni m’għandhiex tiffoka biss fuq iż-żona ta’ Paceville iżda trid tiġi applikata u enforzata ma’ Malta u Għawdex kollha.

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

 

Ara il-Proposti tal-FŻL: Proposti FZL – Sigurta u Alternattivi (1)

11 Dec, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Stqarrija: Progress b’Responsabbiltà: Is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġijiet f’Postijiet ta’ Divertiment"