Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Stqarrija: Progress b’Responsabbilta’; Riforma fil-Liġi tal-IVF

Stqarrija

Il-Ħamis 8 ta’ Ottubru 2015 

Maħruġa mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

 

Progress b’Responsabbilta’; Riforma fil-Liġi tal-IVF

 

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) jagħraf il-ħtieġa ta’ reviżjoni fil-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni; liġi li nqisu bħala arkajka u restrittiva.

 

Inħossu l-bżonn li d-djalogu nazzjonali ikun wieħed fattwali u imparzjali, u mhux imtappan bis-sensazzjonaliżmu. Għaldaqstant, sabiex b’mod kostruttiv, bħala żgħażagħ, nikkontribwixxu fit-tfassil ta’ qafas politiku ġust f’dan il-qasam, ħassejna l-ħtieġa ta’ dibattitu bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ esperti fil-qasam. Fost dawk li intervjenew f’dan l-ewwel dibattitu mis-serje ta’ diskussjonijiet bit-tema Progress b’Responsabbiltà  kien hemm is-Segretarju Parlamentari għas-saħħa l-Onor. Dr.Chris Fearne.

 

Is-Segretarju Parlamentari qal li ġie maħtur kumitat inter-ministerjali li qed janalizza l-liġi eżistenti u l-opinjonijiet sottomessi fuq is-suġġett wara s-sejħa li kien hemm is-sajf li għadda. Dr.Fearne spjega ukoll kif il-liġi preżenti għanda għadd ta’ nuqqasijiet u li l-statistika preżenti turi kif in-numru ta’ trabi li twieldu wara li koppja tkun għaddiet mill-proċess hu wieħed baxx ħafna u għalhekk hemm bżonn jittejjeb.

 

Kien hemm diskussjoni wkoll dwar it-teknoloġija tal- embryo vitrification u kif permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi bħala fil-qasam tar-riproduzzjoni assistita nistgħu nagħtu raġġ ta’ tama lill-koppji li jsibu diffikultà biex jikkonċepixxu b’mod naturali. F’dan ir-rigward, il-qafas leġiżlattiv fis-seħħ preżentament mhux biżżejjed u jrid jiġi rivedut sabiex ikun adekwat għal min qed jirrikorri għal dawn il-mezzi.

 

Nemmnu wkoll li għandna nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-mara li tkun qed tingħata dan it-trattament – proċess diffiċli psikoloġikament u fiżikament. Bħala FŻL nemmnu li l-Gvern għandu jiffaċilita kemm jista’ jkun il-proċess u jekk l-avvanzi mediċi u teknoloġiċi jippermettu dan, inkunu qed nonqsu jekk ma neżerċitawx il-mezzi kollha possibli. Dan għandu jsir b’kawtela u prekawzjoni.

 

Il-kunċett tal-familja m’għadux dak tradizzjonali. Bħala FŻL nemmnu ukoll li d-definizzjoni fil-liġi ta’ x’inhu ġenitur trid tkun aktar inklussiva u għanda tiġi estiża biex tinkludi ukoll koppji omosesswali li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn donazzjonijiet tal-gameti. Hekk biss il-liġi tista tkun realistika u tirrifletti il-ħtiġijiet tas-soċjetà tagħna. Nemmnu li dan hu l-avvanz li jmiss fl-isfera tal-libertajiet ċivili.

 

Fl-aħħar nett bħala Żgħażagħ Laburisti nsejjħu għal dibattitu politiku serju u mhux partiġġjan fuq is-suġġett u nittamaw li d-diskussjonji ma tkunx waħda sensazzjonali.

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

 

Partit Laburista

 

 

 

 

08 Oct, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Stqarrija: Progress b’Responsabbilta’; Riforma fil-Liġi tal-IVF"