Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Iż-Żgħażagħ Jistaqsu

Kitba ta’ Naomi Cachia, Koordinatur Politiku

Ġimgħa wara l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema Malta Li Qed Tinbidel, għadhom friski f’moħħi kliem Dr Joseph Muscat meta qal li l-Gvern fadallu sentejn xogħol, u warajhom se jmur quddiem il-poplu b’kisbiet kbar li ta’ qablu qatt ma rnexxielhom iwettqu.

Huwa faċli li tinqabad fl-ewforja u fil-mod, xi waqtiet surreali, ta’ kif żvolġiet l-isfera politika f’dawn l-aħħar ġimgħat, u tinsa li għadna f’nofs leġiżlatura. Hija ħasra li għandna Oppożizzjoni li qed tieħu kull ċans, bl-iktar mod iddisprat, biex tagħmel ħsara lill-Gvern. Hija ħasra ikbar li għad hawn min mhux jinduna li din il-ħsara tħalli impatt ikbar fuqna lkoll, Maltin u Għawdxin.

Nifhem li forsi tliet snin ma kinux biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jidra jopera min-naħa l-oħra tal-munita wara 25 sena jiffanga u jogħxa minn fuq dahar il-poplu. Issa, ir-rwol tiegħu bħala partit fl-Oppożizzjoni fi stat demokratiku huwa dak li joffri alternattiva lill-poplu; irwol li, ikolli ngħid, ftit li xejn ħadu bis-serjetà sa issa. Wasalt għal din il-konklużjoni meta rajt il-kampanja negattiva li biha qed jipprova jeleġġi lil Simon Busuttil fit-tmun ta’ dan il-pajjiż. Ikkonfermajt dawn il-ħsibijiet meta ġimagħtejn ilu kont qalb folla ta’ partitarji Nazzjonalisti li nġabru quddiem il-Qorti biex, imxewxa mill-Kap tagħhom, jagħtu spinta politika lil kwistjoni kriminali.

Nistqarr magħkom li dakinhar rajt b’għajnejja ħdura liema bħalha mill-partitarji li donnhom ħasbu li l-belt kapitali ta’ pajjiżna hija tagħhom biss, jew li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni jgawduh huma biss, bħalma jaħsbu li d-dritt li jiggvernaw huwa d-dritt divin tagħhom, iżda ta’ dan insib ħati lil Simon Busuttil u mhux lill-imsieken partitarji li jiġu mmanipulati minnu.

Fl-isfond ta’ dan kollu l-Gvern baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu għax jagħraf li pajjiżna ma jistax jinżamm ostaġġ għal dawn il-manuvri tal-Partit Nazzjonalista.

Fir-rwol tiegħi bħala kordinatur politiku fi ħdan il-Forum Żgħażagħ Laburisti, għandi x-xorti niltaqa’ b’mod regolari ma’ ħafna żgħażagħ b’fehmiet differenti, u kull wieħed u waħda minnhom għandhom ħafna xi jgħidu fuq il-politika u l-futur ta’ dan il-pajjiż. Madankollu, nemmen li ħafna minnhom iħossu li l-vuċi tagħhom diffiċli tinstema’. L-FŻL jixtieq jimla’ dan il-vakum permezz tal-attività politika li se jtella’ fl-aħħar ta’ dan ix-xahar bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel ta’ Mejju.

Fis-27 ta’ April, l-FŻL se jospita sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba għaż-żgħażagħ ma’ Dr Joseph Muscat.

Nemmen li ż-żgħażagħ huma l-iktar udjenza li tista’ toffri sfida lill-Prim Ministru, għax magħhom xejn mhu off-limits. Dan huwa l-ingredjent prinċipali li m’għandix dubju se jwassal għal diskussjoni vivaċi u awtentika. Bit-tema ta’ tliet snin ta’ Gvern Laburista qed nagħtu ċans uniku liż-żgħażagħ biex jistaqsu lil Dr Muscat dwar dak li ġie fis-seħħ s’issa, u dak li għadu ġej. Għalkemm organizzata mill-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, l-iskop mhuwiex li tkun diskussjoni partiġġjana, iżda li tkun waħda li fiha ż-żgħażagħ jingħataw pjattaforma bl-għan ewlieni li jsemmgħu leħinhom. Għal iktar informazzjoni nħeġġek tagħmel kuntatt magħna billi tibgħat email lil info@fzl.org.mt

 

Naomi Cachia

Naomi Cachia

17 Apr, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Iż-Żgħażagħ Jistaqsu"